Saturday, March 1, 2008

Ir-Rivoluzzjoni Ramos


Dan l-artiklu gie pubblikat f' L-Orizzont tal-Hamis 7 ta' Frar 2008.
F’Ottubru tas-sena l-ohra il-klabb ta’ Tottenham u d-dirigenti tieghu kienu attakkati minn kull direzzjoni minhabba l-mod li bih nehhew il-maniger taghhom l-Olandiz Martin Jol u minfloku hatru lill-Ispanjol Juande Ramos. Tottenham tkellmu ma’ Ramos meta Jol kien ghadu fil-kariga u l-provi li hargu fil-gazzetti Inglizi urew bic-car li d-dirigenti kienu qed jahdmu minn wara dahar Jol.

F’din ir-rubrika diga kellna cans nghidu li Tottenham ghamlu hazin li nkixfu f’dak li kienu qed jaghmlu u Jol seta gie trattat ahjar. Izda llum zgur hadd ma jlum id-decizjoni ta’ Tottenham li jmorru ghal Juande Ramos biex forsi fl-ahhar fuq White Hart Lane terga’ tfigg ix-xemx. Ic-cermen ta’ Tottenham Daniel Levy, minkejja l-kritika ta’ sezzjoni ta’ partitarji, zamm kelmtu. Fejn kien hemm bzonn u fejn kien konvint li jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni tal-klabb u t-tim huwa ma ddejjaqx jinvesti l-miljuni. Hekk ghamel biex gab lil Ramos.

L-Ispanjol sar wiehed mill-aktar kowcis imhallsa fid-dinja izda Levy ried l-ahjar u ha l-ahjar. Levy gharaf li fl-ahhar snin kien hemm perjodi fejn il-klabb kellu l-potenzjal li jikber u jaghti sodisfazzjon lill-partitarji izda ghal xi raguni jew ohra id-dirigenti tal-klabb dejjem qaghdu lura milli jinvestu f’kowc ta’ klassi mondjali. Levy gharaf li dan huwa l-aktar element importanti biex jigi s-success u nefaq dak li hadd qablu ma kien nefaq.

Il-paraguni huma odjuzi u l-iskop ta’ dan l-artiklu mhux li jqabbel lil Ramos ma’ Jol izda li jaghti harsa lejn dak li qed jipprova jibdel Ramos f’White Hart Lane. Ghalkemm tard fl-istagun, ir-rizultati ghal Tottenham bdew gejjin u t-tim kkwalifika wkoll ghal finali tal-Carling Cup. Izda ma jkunx gust jekk ix-xoghol ta’ Ramos ma’ Tottenham jitkejjel biss bir-rizultati miksuba dan l-istagun. Ramos wasal f’nofs stagun u din mhix sitwazzjoni ideali ghal kowc li jrid jimplimenta sistemi u metodi godda. Barra minn hekk wiehed irid iqis li Ramos qed jipprova jilghab is-sistema tieghu bi plejers li wiret, apparti l-akkwisti ta’ Jonathan Woodgate, Alan Hutton, Chris Gunter u Gilberto li saru ix-xahar li ghadda.

Kif qal Ramos stess, il-bidu tieghu ma’ Tottenham kien wiehed difficli hafna ghax l-plejers kellhom il-moral mal-art u l-mentalita kienet wahda telliefa. Il-plejers kienu tilfu l-kunfidenza fihom infushom u Ramos hadem hafna biex jibdel din l-atitudni. Huwa ried u qieghed jikkonvinci lill-plejers tieghu li ghandhom il-potenzjal li jaslu. Il-kunfidenza li sar ghandhom il-plejers fihom infushom tidher f’diversi ezempji partikolari fosthom fiz-zaghzugh Jamie O’Hara.

Dan il-plejer rari sab post fuq il-bank ma’ Tottenham izda that Ramos beda numru konsiderevoli ta’ loghobiet. Fl-ahhar ginghat O’Hara laghab kemm bhala midfielder laterali, midfielder centrali u anki difensur laterali kontra timijiet bhal Manchester United u Arsenal. L-atitudni ta’ O’Hara f’dawn il-loghobiet kienet wahda ezemplari u, minn barra li hareg bl-unuri, fl-ebda mument ma wera kumpless ta’ inferjorita kontra plejers ferm aktar kkwotati minnu.

O’Hara mhux l-uniku plejer li mar ghall-ahjar taht it-tmexxija ta’ Ramos. Tlett snin ilu Tottenham kienu jigu mfahhra ghall-fatt li kellhom l-ahjar element zaghzugh Brittaniku b’potenzjal kbir ghall-futur. Fost dawn il-plejers kien hemm Aaron Lennon, Jermaine Jenas, Michael Dawson u Tom Huddlestone li tant kien mistenni minnhom. Minn dawn, fi tlett snin, hadd ma ghamel progress notevoli u l-aspettattiva taghhom ma ntlahqitx.

Illum is-sitwazzjoni hiija differenti. Jermaine Jenas inghata rwol aktar avanzat u jidher car li l-pozizzjoni gdida tieghu hija ferma ktar adattata ghal dan il-plejer. Biex isir dan Ramos qed juza lil Huddlestone, Tainio jew Zokora bhala midfielders difensivi u din is-sistema qed thalli lil Jenas jilghab fir-rwol naturali tieghu. Huddlestone qed igawdi mill-preparazzjoni fizika li ntroduca Ramos u l-istamina u l-flessibilita tieghu ghamlu progress kbir. Il-kunfidenza ta’ Huddlestone kibret ukoll u dan deher meta laghab bhala difensur centrali bla problemi ta’ xejn. Aaron Lennon qed jerga’ juza l-potenzjal kollu tieghu u rega’ sar arma micidjali fl-attakk ta’ Tottenham.

Fl-oghla livelli tal-futbol hafna drabi id-differenza bejn tim rebbieh u tim li qatt ma jasal sal-ahhar tkun l-attenzjoni ghad-dettal. U kien proprju dan il-kuncett l-ewwel li Ramos pprova jdahhal fil-klabb ta’ Tottenham. F’intervista li kellu dan l-ahhar wiehed miz-zewg assistenti ta’ Ramos Marcos Alvarez qal li huma kienu sorprizi hafna bil-kundizzjoni fizika tal-plejers ta’ Tottenham. Dan kien jidher car f’hafna loghobiet fejn Totteham kienu jsibuha difficli li jzommu l-pass ghal disghin minuta shah. Ramos mill-ewwel introduca sessjonijiet doppji ta’ tahrig u, bl-ghajuna ta’ Alvarez, beda jsir hafna aktar xoghol fuq il-kundizzjoni fizika tal-plejers.

Plejer li fih tispikka id-differenza huwa l-Franciz Steed Malbranque. Malbranque jaqdi r-rwol ta’ kwazi tlett plejers ghax minbarra li jimla l-pozizzjoni ta’ midfielder laterali, huwa jghin ukoll lid-difensur laterali u jidhol fic-centru tal-midfield. Il-kumment generali dwar dan il-plejer dejjem kien li jaghtik taqsima wahda biss ghax imbagahd jibda jnaqqas. Taht Ramos Malbranque donnu ghadda minn metamorfosi u, fil-waqt li ghadu jaqdi l-istess rwoli, kapaci jaghti l-mija fil-mija sat-tisfira finali.

Id-dieta wkoll qed tilghab parti mportanti fir-rivoluzzjoni Ramos. Alvarez qal li r-restaurant tat-training grounds ta’ Tottenham kien aktar jixbah xi buffet ta’ tieg milli post fejn jieklu l-atleti. Ramos malajr impjega lit-tabib Spanjol Antonio Escribano biex jiehu hsieb id-dieti tal-plejers. Dan tajjar l-ikel li ma jaghmel xejn biex jghin lill-plejers ikollhom prestazzjonijiet ahjar bhal qali, zjut u sauces. Huwa ntroduca dieti programmati ghall-isportivi professjonali fejn sahansitra hemm differenza bejn l-ikel li jittiekel bhala preparazzjoni ghal-loghob u l-ikel li jittiehed wara l-loghobiet sabiex il-plejers jirkupraw l-energija li jkunu hlew.

Il-plejers inghataw dieta individwali sabiex ikollhom il-piz ideali biex jilghabu l-futbol fl-oghla livell. Kien jidher car li qabel gie Ramos kien hemm numru ta’ plejers fosthom Paul Robinson u Tom Huddlestone, li ma kienux f’kundizzjoni ideali u Ramos mill-ewwel ta l-ultimatum li jew joqoghdu ghas-sistemi tieghu sabiex jiskbu l-ahjar kundizzjoni possibbli jew inkella jfittxu klabb iehor.

Dawn huma affarijiet suppost normali ghal klabbs ta’ certu livell u wiehed jiskanta kif ghal-klabb bhal Tottenham li jipppretendu li jitqiesu mal-kbar, dawn id-dettalji kienu aljeni.

Kuncett iehor li qed jimbotta lill-plejers ta’ Tottenham ‘il quddiem huwa d-dixxiplina li qed idahhal il-kowc Spanjol. Din id-dixxiplina tapplika kemm individwalment mal-plejers u kemm fit-tattika. Taht Martin Jol kien jidher car li certu plejers kienu saru wisq komplacenti u donnhom kellhom posthom assigurat minkejja li l-prestazzjoninjiet taghhom mhux dejjem kienu sodisfacenti. Ramos malajr bidel din il-mentalita u llum il-plejers jafu li hadd m’ghandu postu garantit u min irid jilghab irid jirbah postu.

Ezempju ta’ dan huwa l-gowlkiper Paul Robinson li kien ilu sejjer lura ghal diversi xhur minghajr qatt ma tilef postu. Il-fatt li Robinson baqa’ bejn il-lasti ta’ Spurs la ghamel gid lil Spurs u lanqas lil Robinson innifsu. Minkejja li nghata cans wara iehor il-prestazzjonijiet tieghu baqghu ma tjiebux u kien jidher car li kellu bzonn waqfa u tbezbiza. Robinson qatt ma ra lic-Cek Radek Cerny bhala sfida ghal flokk numru wiehed izda Ramos hasibha mod iehor u wara li ta bizzejjed cans lil Robinson biex itejjeb il-wirjiet tieghu, qalghu u pogga lil Cerny bhala gowlkiper regolari. L-istess jista’ jinghad ghad-difensur zaghzugh Younes Kaboul fejn Ramos ma qghadx jaghti kaz il-flus li nefqu Tottenham f’dan il-plejer u meta l-prestazzjonijiet tieghu ma tjibux qalghu mit-tim.

In-nuqqasijiet fid-difiza spikkaw fil-loghoba kontra Aston Villa fl-ewwel tas-sena. Dakinhar l-assistent ta’ Ramos, Gus Poyet qal li ma jistax ikun li l-plejers jippruvaw l-affarijiet fit-training u mbaghad ma jippratikkawhomx fil-grawnd. Huwa kien qal li jekk l-affarijiet ma jinbidlux se jkun hemm tibdiliet kbar u hekk gara ghax wasal Jannar u mieghu waslu erba’ difensuri godda.

Ramos qed izomm lil kulhadd fuq ponot subghajh billi juri li ma jibzax jintroduci plejers zghar biex jiehdu post ohrajn aktar stabbiliti. O’Hara inghata c-cans u hadu fil-waqt li wiehed jinnota li fuq il-bank ta’ Spurs kwazi dejjem ikun hemm plejer zghir. Ghal dawn il-plejers il-fatt li jhossu lilhom infushom parti mill-iskwadra jiswa mitqlu deheb fil-waqt li l-plejers stabbiliti jindunaw li hemm min jinsab lest biex jehdilhom posthom.

Tattikament Ramos ukoll wassal ghal tibdiliet kbar. Il-plejers huma ferm aktar dixxiplanti u organizzati u l-id tal-kowc tidher cara. Ramos jadotta sistemi differenti skond l-avversarju u jidher li mhux kowc marbut ma sistema wahda li ma jibdilha qatt. Il-kapacita tattika ta’ Ramos deheret ukoll kull meta rnexxielu jdawwar rizultat. Fejn qabel Martin Jol kien jistenna sal-ahhar minuti qabel ma sempliciment jitfa’ attakant iehor, Ramos jaghmel il-bidliet aktar kmieni. Il-bidla ta’ Ramos ma tkunx li jdahhal attakkant iehor u jieqaf hemm izda jibdel l-impostazzjoni tattika kollha tat-tim biex jikkumplimenta is-sostituzzjonijiet li jkun wettaq.

Dan kollu ma jfissirx li x-xoghol ta’ Ramos huwa lest u f’daqqa wahda Tottenham se jibdew jirbhu l-unuri. Pero huwa car li l-ewwel pass sar. L-attitudni nbidlet u l-plejers bil-mod –il mod qed ikabbru l-kunfidenza fihom infushom. Il-plejers qed jibdew jemmnu li jistghu jaslu x’imkien u llum m’ghadhomx jiffaccjaw klabbs ferm aktar kkwotati bil-loghoba diga mentalment mitlufa.

F’Jannar Tottenham sahhew id-difiza fejn nefqu madwar ghoxrin miljun lira sterlina. Fis-Sajf li gej Ramos ikun irid jerga’ jsahhah l-iskwadra bi plejers tal-ghazla tieghu. Gowlkiper, midfielder difensiv ta’ klassi, playmaker u possibilment difensur centrali iehor zgur ikunu fost l-alternattivi li se jikkonsidra Ramos. Jekk il-klabb ikompli jghin lil Ramos fil-waqt li jhallih jaghzel il-plejers li jixtieq u jahdem minghajr indhil zejjed allura jista jkun li r-rivoluzzjoni Ramos terga’ twassal ghall-unuri tant mixtieqa mill-partitarji ta’ Tottenham.
Mark Mizzi

No comments: