
Friday, April 25, 2008
Il-problemi ta' Arsenal- Mark Mizzi

Dawn huma l-kummenti tal-attakkant Olandiz ta’ Arsenal Robin Van Persie bhala reazzjoni ghall-kritika li giet indirizzata lejn it-tim fl-ahhar granet rigward il-fatt li l-futbol attraenti li jilghabu il-Gunners mhux qed iwassal ghall-unuri li suppost jinkurunaw dan it-tip ta’ loghob.
Van Persie kien qed jitkellem ftit wara l-eliminazzjoni mic-Champions League kontra Liverpool u lejlet il-loghoba tal-Premiership kontra Manchester United fejn Arsenal prattikament temmew it-tamiet taghhom li jirbhu xi unur dan l-istagun.
Il-kritika dwar Arsenal hija harxa. Li klabb jghaddi minn tlett staguni minghajr unur mhux xi dizastru u donnu dan l-istagun kulhadd nesa x’rebhu Arsenal u l-maniger taghhom Arsene Wenger fl-istaguni ta’ qabel. Wenger rebah seba’ unuri principali fl-ewwel disa’ snin tieghu f’ Londra u l-kritici oggettivi jinzghulu l-kappell ghall-mod kif ittrasforma ‘il klabb ta’ Arsenal u gab lit-tim jilghab futbol li jhallik tfittex is-superlattivi biex tiddeskrivieh.
Li tasal sal-kwarti finali tac-Champions League u tispicca t-tieni jew it-tielet fil-kampjonat hija pozizzjoni li hafna klabbs ohra jixtiequ. Il-problema ta’ Arsenal hi li huma vittma tas-success taghhom stess ghax hafna jippretendu li l-futbol taghhom ghandu jirrizulta f’aktar unuri.
Kif jghid Van Persie, “..il-kritici jistghu jghidu li Arsenal laghabu futbol mill-aqwa izda ma rebhu xejn. Fl-istess hin hemm hafna timijiet ohra li ma jilghabux il-futbol tajjeb li nilghabu ahna u ma rebhu xejn ukoll”.
Il-kritika dwar Arsenal fakkritni fid-dibattitu kontinwu dwar is-sistemi u l-filosofijia differenti bejn il-l-futbol fil-kontinent, partikolarment fl-Italja, meta mqabbla mal-futbol fir-Renju Unit. Fil-ktieb tieghu “The Italian Job” Gianluca Vialli jghid li fl-Italja l-futbol huwa meqjus bhala xoghol u allura l-uniku obbjettiv huwa li tirbah, irrelevanti kif tasal ir-rebha. Mill-banda l-ohra, skond Vialli, fl-Ingilterra il-futbol huwa bazat fuq il-kuncett ta’ loghoba fejn l-aktar importanti huwa li tikkompeti u taghti l-isforz kollu possibbli u tibqa’ tipprova sal-ahhar.
B’mod generali huwa minnu li l-plejers fl-Ingilterra jitilghu b’mentalita differenti. Il-kultura differenti tidher ukoll fil-partitarji fejn hafna jmorru l-grawnd u jippretendu li jaraw spettakklu aktar milli xi loghoba medjokri mimlija tatticizmu qisha xi loghoba cess u xi rizultat ta’ 0-0 jew 1-0. Izda minkejja dan inhoss li l-ideat ta’ Vialli huma generalizazzjoni u, almenu fejn jidhol futbol fl-oghla livelli, huma klixejiet antiki.
Il-manigers u l-plejers barranin bidlu hafna mill-mentalita Ingliza u llum kull maniger jghid li “we are in the results business”. L-implikazzjoniet finanzjarji u l-pressjoni li ghandhom fuqhom it-timijiet ma jaghmluhiex possibbli li klabb ipoggi l-ispettakklu qabel ir-rizultat. Xejn ma jikkonvincini li l-ewwel ghan ta’ kull klabb, partikolarment tal-klabbs li jkunu qed jiggieldu ghall-unuri jew post mal-ewwel erbgha, mhux li jirbhu. Naturalment kien hawn u hawn timijiet li ghandhom il-kapacita jikkombinaw l-ispettakklu mar-rizultati izda dawn huma l-ftit u jekk ir-rizultati ma jigux u jkollhom jaghzlu m’ghandix dubju liema kuncett jiddeciedu li jabbandunaw.
Il-maniger ta’ Arsenal u l-bicca l-kbira tal-plejers tieghu m’humiex Inglizi. Hadd ma jista’ jakkuzahom li telghu b’mentalita Brittanika u bhal kull maniger iehor Arsene Wenger irid jirbah. Meta l-istess maniger Franciz jghid li mhux se jbiddel il-principji tieghu u se jibqa’ jilghab l-istess loghoba attraenti ma jfissirx li ma jridx jirbah. Il-verita hi li l-futbol attraenti mhux il-kawza tan-nuqqas ta’ unuri ghal Arsenal fl-ahhar tlett snin. Ir-ragunijiet huma ohrajn izda b’kummenti bhal ta’ Van Persie u Wenger dawn ir-ragunijiet jinhbew u l-midja tibqa’ tikkoncentra fuq in-nuqqas ta’ ta’ futbol pragmatiku nhala l-kawza tan-nixfa tal-unuri.
Kulhadd jista jinnota li b’zewg plejers ta’ esperjenza u diga stabbiliti u bi skwadra ftit aktar b’sahhitha Arsenal setghu facilment rebhu aktar unuri fl-ahhar tlett snin. Id-dirigenti tal-klabb jaghtu impressjoni li lesti li jiffinanzjaw l-akkwisti li jrid Wenger izda l-maniger irid jibqa’ juri fiducja fil-plejers tieghu u jkompli jixtri plejers zghar li jkun ghadhom mhux skoperti. Jekk din hija l-verita allura Wenger ghandu jerfa’ parti mir-responsabbilta ta’ dak li gara dan l-istagun u fiz-zewg staguni li ghaddew.
Personalment nemmen li Wenger jaf aktar minn kulhadd li kellu bzonn isahhah it-tim. Nemmen li huwa l-klabb li bil-politika finanzjarja tieghu qed izomm ‘il boghod milli jakkwista plejers kbar li setghu bidlu ghal kollox dan l-istagun ghal Arsenal. Jekk inhu hekk huma d-dirigenti ta’ Arsensal li ghandhom jigu kkritikati u mhux il-maniger Franciz.
L-idea li t-tim ma kellux bzonn jissahhah hija wahda zbaljata. Wenger qal li ma jiddispjaciehx li ma sahhahx l-iskwadra f’Jannar ghax Arsenal kienu qed jilgahbu l-aqwa futbol u kienu fl-ewwel post tal-kampjonat. Huwa minnu li t-tieqa tat-trasferimenti ta’ jannar hija wahda difficli izda Manchester United urew li z-zmien propizju biex issahhah it-tim huwa meta tkun sejjer tajjeb. Wara li saru champions l-istagun li ghadda Manchester United akkwistaw lil Owen Hargreaves, Nani, Anderson u Carlos Tevez u llum l-iskwadra taghhom hija l-ghira ta’ kullhadd..
Kienet ta’ min kienet id-decizjoni huwa car li n-nuqqas ta’ kwantita u kwalita fl-iskwadra hija r-raguni principali ghall-problemi ta’ Arsenal. L-ahhar loghobiet fic-Champions League u l-kampjonat ikkonfermaw dan u la Wenger u lanqas il-klabb ma jistghu jibqghu jaharbu mill-fatt li zbaljaw meta ma sahhewx l-iskwadra bi plejers aktar stabbiliti. Il-loghoba tal-kampjonat kontra Liverpool giet bejn iz-zewg legs bejn l-istess zewg timijiet fic-Champions League. Iz-zewg manigers serrhu xi plejers izda ironikament, minkejja li ghamlu tmien tibdiliet, kienu Liverpool li deheru l-anqas affetwati u laghabu l-aktar futbol fluidu.
Dan in-nuqqas deher ukoll fil-loghoba tal-kampjonat f’Old Trafford fejn minkejja li Arsenal bdew ahjar, Manchester United minn fuq il-bank kellhom il-lussu li jdahhlu plejers bhal Tevez, Anderson u Giggs biex hadu l-kmand tal-loghoba u qacctu lill-Arsenal mit-tellieqa ghall-kampjonat.
In-nuqqasijiet ta’ Arsenal f’dan ir-rigward ma deherux biss f’dawn iz-zewg loghobiet. Karreteristika ta’ Arsenal fl-ewwel tlett kwarti tal-istagun kienet li kienu kapaci jirbhu fl-ahhar minuti meta t-timijet ohra jkunu ghajjew. Arsenal kien jibqghalhom dik l-istamina li taghmel id-differenza fl-ahhar mumenti tal-loghoba u din rebbhithom hafna punti li deheru mitlufa. Dan kollu sparixxa fl-ahhar u fl-aktar parti krucjali tal-istagun fejn it-tim deher ghajjien fizikament u mentalment. Cesc Fabregas, li huwa l-mutur tat-tim, deher litteralment mahruq ghax dan, bhal plejers l-ohra importanti, rari kien mserrah. Kull meta plejers bhal Fabregas u Adebayor bdew minn fuq il-bank spiccaw kellhom jiddahhlu fil-loghoba sabiex jaqilghu lit-tim mill-problemi.
Apparti l-ghajja fizika, spikkat ukoll l-ghajja mentali. Arma ohra ta’ Arsenal hija l-karattru u s-sahha mentali li tippermettilhom jirkupraw rizultati w loghobiet mitlufa. Din il-karreteristika wkoll telqet fl-ahhar gimghat. Apparti r-rebha ta’ 3-2 fuq Bolton, kull meta l-affarijiet bdew gejjin hazin, Arsenal cedew l-armi b’mod relattivament facli.
L-injuries li sofrew Arsenal lanqas ghinu l-kawza ta’ Wenger. Il-Gunners tilfu lil Eduardo meta kien sab saqajh fil-futbol Ingliz u beda jsib ix-xika b’mod regolari. Van Persie qatt ma rega’ gie ghal li kien wara l-injuy li ghadda minnha u Nicklas Bendtner mhux sostitut tal-istess klassi. Dawn ic-cirkostanzi flimkien tefghu ir-responsabbilta kollha tal-gowls fuq spallejn Adebayor li meta sab ruhu wahdu wera li ghadu mhux matur bizzejjed biex jaqdi dan ir-rwol u l-gowls nixfu.
L-injury ta’ Bacary Sagna kienet daqqa ta’ harta ohra ghal Arsenal ghalkemm hawnekk jifhol ftit tad-dubju dwar l-ghazliet ta’ Wenger. Minflok mela n-nuqqas ta’ Sagna b’Eboue li huwa difensur laterali, insista li jkompli jilghab lil Eboue f’nofs il-grawnd b’Toure jiehu l-pozizzjoni ta’ difensur laterali u Senderos jimla l-post ta’ Toure. Din is-sistema ma hadmitx. Senderos m’ghandux il-klassi mehtiega f’dan il-livell fil-waqt li huwa ovvju li l-pozizzjoni ta’ difensur laterali mhix wahda komda ghal Kolo Toure.
B’din l-ghazla d-difiza marret il-bahar ghax mal-ispustament ta’ Toure u l-introduzzjoni ta’ Senderos waslet ukoll l-incertezza ta’ William Gallas li donnu tilef il-fiducja kollha fih innifsu u fil-plejers shabu. L-atteggjament ta’ dan tal-ahhar fil-loghoba kontra Birmingham ma kienx atteggjament ta’ captain u dakinhar, apparti li halla t-tensjoni tal-ahhar parti tl-istagun teghlbu u titfghu fi krizi, tilef ukoll il-fiducja ta’ shabu li suppost iharsu lejn il-captain biex jiehdu s-sapport morali fl-aktar mumenti difficli. Ma dawn ic-cirkostanzi kollha kien hemm ukoll l-injuries ta’ Flamini u Rosicky li komplew jiddecimaw l-iskwadra diga dghajfa ta’ Wenger.
In-nuqqas ta’ esperjenza ukoll laghab parti mportanti hafna dan l-istagun. Hafna jghidu li minkejja li l-eta medja tal-plejers ta’ Arsenal hija baxxa, dawn xorta ghandhom esperjenza twila fl-oghla livelli tal-futbol. Dan huwa minnu izda l-eta tibqa’ dik li hi u n-nuqqas ta’ maturita ta’ dawn il-plejers f’mumenti kritici tal-istagun swew qares lit-tim ta’ Wenger. Il-kritici jghidu li Arsenal qatt ma hassew lil Patrick Vieira u lil Thierry Henry. Jekk thares biss lejn l-ispettakklu dan huw minnu izda jekk thares lejn l-unuri it-teorija taqa’.
Ikun ingust fil-konfornt ta’ Arsenal, Wenger u l-futbol in generali jekk nibqghu intambru li Arsenal ma rebhux unuri ghax jilghabu l-futbol sabih. Biex rebah seba’ unuri Arsene Wenger qatt ma laghab futbol ikrah. Wenger jaf jilghab biss il-loghoba li tpaxxi l-ghajn u biha rnexxielu jirbah. Id-differenza kienet l-iskwadra li kienet akbar, ahjar u aktar matura. Jekk min hu responsabbli mil-policy tat-trasferimenti ta’ Arsenal jirrealizza dan, it-tazzi fl-Emirates jergghu jibdew gejjin.
Thursday, April 10, 2008
Imhatri fl-Ingilterra- artiklu ta' Mark Mizzi pubblikat f' L-Orizzont, il-Hamis 10 t'April 2008
Fl-ahhar granet fl-Ingilterra faqqa’ skandlu li, jekk jigi nvestigat u kkonfermat, jista’ jkollu effetti sostanzjali fuq l-immagni tal-loghoba Ingliza u l-ambjent ta’madwarha. L-istorja tista’ tikkonferma wkoll kemm dahlet ‘il gewwa il-problema tal-loghob tal-imhatri minn plejers u persuni ohra fil-loghoba u l-estremitajiet li din il-pjaga tista’ twassal ghalihom.
Il-gimgha l-ohra gie svelat li plejer professjonali tal-futbol accetta somma ta’ hamsin elf lira sterlina biex icedi loghoba u jkun jista’ jhallas id-djun li kien tella’ mal-bookmanker tieghu fuq imhatri li kien jilghab.
Skond din l-istorja il-bookmaker wieghed lill-plejer koncernat li jahfirlu d-dejn li kellu jekk jitkecca u jikkonvinci tlett plejers tat-tim tieghu biex jintwerew il-karta s-safra waqt loghoba partikolari.
Il-plejer ghamel kif mitlub u t-tim tieghu tilef il-loghoba. S’issa la gie msemmi l-plejer u lanqas il-loghoba partikolari izda jidher li xi darba jew ohra dan il-plejer laghab fil-Premiership u l-loghoba koncernata ntlaghabet fl-ahhar sentejn.
Din l-istroja tghid li wara dan l-incident il-plejer beda jiehu l-ghajnuna professjonali biex johrog mill-vizzju tal-loghob u llum jiddispjacieh hafna ta’ dak li ghamel. Dan l-incident kien biss wiehed minn serje ta’ incidenti ohra li gew diskussi b’mod privat waqt seminar fuq il-loghob tal-azzard li sar fil-klinika tal-agenzija Sporting Chance f’Hampshire. Sporting Chance hija l-aktar agenzija maghrufa fl-Ingilterra li titratta sportivi bi problemi ta’ xorb, droga, loghob u vizzji jew mard iehor. Fost dawk li kien hemm prezenti ghas-seminar kien hemm plejers u ex-plejers tal-futbol li ghaddew minn problemi bhal dawn.
L-ewwel reazzjoni ghal din l-istorja kienet tikkoncerna l-kredibbilta tal-loghob tal-futbol. Jekk dan il-kaz jigi konfermat u specjalment jekk isir maghruf li l-loghoba kienet wahda ta’ livell gholi, allura l-futbol isofri daqqa ta’ harta kbira. Ghalkemm hawnhekk qed nitkellmu fuq kaz partikolari, wiehed bil-fors jissoponi li l-kaz mhux wiehed izolat. Il-logika tghid li f’industrija ta’ miljuni kbar bhalma huwa l-futbol, jekk kien hemm plejer wiehed li kien lest icedi loghoba, aktarx ifisser li hemm ohrajn li ghamlu bhalu. Il-fatt li dan il-plejer partikolari irnexxielu jikonvinci tlieta minn shabu biex jigu ammoniti diga jixhed li dan mhux l-uniku individwu li lest jikkorompi ruhu.
Survey li sar mill-gurnal Ingliz The Independent bil-kollaborazzjoni tal-Professional Footballers Association fis-sena 2000 wera li terz tal-plejers jilghabu l-imhatri fuq il-futbol u hamsa qalu li gew avvicinati biex icedu loghoba izda rrifjutaw. Ta min jghid li dak iz-zmien kien kontra r-regolamenti li plejer jilghab fuq il-futbol izda llum dawn ir-regolamenti nbidlu u plejer jista’ jilghab basta mhux fuq loghob li jkun involut fih. Din hija prova li l-principji sportivi m’humiex daqshekk sodi u l-istampa idealistika li ghandna tal-futbol fl-Ingilterra tista’ tigi mtappna b’mod irreversibbli.
Il-kaz jindika wkoll li xi darba fl-ahhar sentejn kien hemm stagun falsat. S’issa m’hemm ebda indikazzjoni f’liema livell jew kampjonat kienet il-loghoba partikolari izda l-fatt li l-bookmaker dahhal il-flus permezz ta’ tkeccija u ta’ tlett karti sofor jixhed li l-loghoba kienet ta’ certu mportanza.
Il-kap tal-Professional Footballers Association Gordon Taylor qal li hu ghandu d-dubji tieghu dwar kemm tista’ tkun vera din l-istorja u jemmen li l-plejer elabora jew kabbar xi ftit izzejjed dan l-episodju. Taylor qal li l-fatt li plejer javvicina tlieta ohra u jikkonvincihom jigu ammoniti huwa inkredibbli u stieden lil Sporting Chance biex jaghtu aktr dettalji lill-FA Ingliza. Taylor qed jghaddas rasu fir-ramel u flok jinjora l-istorja ghandu jirrealizza li l-futbol Ingliz ma jgawdix xi immunita specjali minn dawn il-problemi.
L-aktar problema gravi mhix jekk il-plejer esagerax jew le u jekk kienx hemm loghoba jew stagun li gie falsat minhabba dan l-episodju. L-akbar problema jew problemi huma c-cirkostanzi li wasslu biex jigri dak li gara anki jekk, f’kaz li Taylor ghandu ragun, kien hemm xi ftit tal-esagerazzjoni mill-plejer. Huwa ferm aktar importanti toqtol il-brimba milli tnehhi l-ghanqbuta u huwa propju c-cirkostanzi socjo-sportivi li qed iwasslu ghal episodji bhal dawn li ghandhom jigu studjati bis-serjeta.
Fost kazi ohra li ssemmew fis-seminar ta’ Sporting Chance kien hemm il-kaz ta’ plejer li jilghab f’wahda mid-divizjonijiet iz-zghar li ghamel attentat ta’ suwicidju wara li akkumula djun ta’ 37,000 lira sterlina permezz tal-loghob tal-imhatri. Mis-seminar hareg ukoll li numru ta’ plejers, uhud minnhom jilghabu fil-Premiership, qed jiggieldu kontra l-vizzju tal-kokaina minghajr ma jafu l-klabbs taghhom.
Huma propju dawn il-problemi ta’ numru ta’ plejers fl-Ingilterra li jistghu iwasslu plejer biex icedi loghoba. Dan huwa wiehed mill-modi kif plejer jista’ jaghmel tajjeb ghat-telf li jkun tilef fl-imhatri jew biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga. Is-sors ta’ dawn il-problemi irid jigi ttakiljat halli l-loghoba tkun aktar nadifa u l-principji sportivi jinzammu intatti. Dawn il-problemi ghandhom jigu ndirizzati biex, fuq kollox, ma jibqghux jinhlew hajjiet ta’plejers zghazagh li ma jindunawx li qed jghixu hajja privileggjata billi jithallsu somom kbar ta’ flus biex jilghbu l-futbol u jarmu kollox ghall-vizzji.
Il-futbol Ingliz kien mifni bil-problema tax-xorb ghal snin twal. Din il-problema tant kien ilha ingranata fil-kultura Ingliza li ghal xi zmien kienet saret accetata u kienet xi haga normali ghal plejers professjonali li jikkunsmaw amonti esagerati ta’ alkohol. Min jista’ jinsa dak li ghaddew minnu plejers bhal George Best u Paul Gascoine? L-istejjer ta’ plejers bhal Bryan Robson u Paul McGrath jafhom kulhadd. Dawn huma biss ftit mill-istejjer ta’ plejers bi profil gholi. Min jaf kemm kien hemm stejjer ohra ta’ plejers mhux daqshekk maghrufa li hlew hajjithom u l-karriera taghhom minhabba l-alkohol.
Il-migja ta’ manigers u plejers barranin fl-Ingilterra u l-izvilupp tal-klabbs fil-qasam tal-preparazzjoni tal-plejers razzan xi ftit din il-problema u llum huwa accettat li l-konsum esagerat ta’ alkohol fuq bazi regolari jaffetwa hazin il-prestazzjonijiet tal-plejers. Dan ma jfissirx li l-problema tal-alkohol spiccat izda llum aktar hemm cans ta’ xi praspura kbira kull tant zmien milli konsum kostanti tul is-sena kollha.
Izda jekk il-problema tal-alkohol b’xi kod naqset, twieldu jew kibru problemi ohra. Il-pagi astronomici li qed jithallsu l-plejers tal-lum irraffinaw il-vizzji u llum hija d-droga li hija meqjsua “cool” fil-waqt li l-pjaga tal-imhatri kibret sew.
Li plejer jilghab fuq il-futbol mhix xi haga gdida izda l-pagi tal-lum qed jaghmluha possibbli ghall-plejers li jilghabu somom esagerati u l-problema qed tikber. Dan tixhdu l-istatistika. Fl-2006 Sporting Chance trattat 30 plejer minhabba l-vizzji li kienu jinkludu l-loghob fil-waqt li fl-ahhar sena in-numru ta’ kazi godda rdoppja.
L-istatistika turi wkoll li, fil-waqt li l-problema tal-loghob mhix xi haga esklussiva ghall-plejers tal-futbol, il-proporzjon ta’ plejers li jilghabu meta mqabbel ma’ setturi ohra tas-socjeta huwa sproporzjonat. Survey li sar is-sena l-ohra fl-Ingilterra jurui li 0.6% fil-mija tal-popolazzjoni ghandha problema bil-loghob. Dan suppost jirrizulta li minn 4,000 plejer professjonali in-numru ta’ dawk bi problema jkunu madwar 24 izda r-realta hi li l-figura reali tista’ titla’ sa ghaxar darbiet aktar jigifieri tnejn jew tlett plejers f’kull klabb.
Il-problema kollha ddur mal-fatt li fid-dinja tal-futbol hemm hafna zghzagh li f’daqqa wahda jsibu ruhhom miljunarji b’hafna hin hieles u mdawwra minn kull tip ta’ tentazzjonijiet. Din mhix hajja facli ghal min ma jkunx preparat ghaliha u c-cansijiet li dawn iz-zghazagh jingarru mill-kurrent huma kbar hafna. L-FA Ingliza, flimkien mal-Professional Footballers Association, jiffinanzjaw parti sostanzjali mix-xoghol ta’ Sporting Chance u s’issa l-ebda plejer li rrikorra ghand din l-agenzija ma gie michud l-ghajnuna.
Dan kollu huwa tajjeb izda zgur mhux bizzejjed. L-awtoritajiet tal-futbol ghandhom jahdmu aktar fuq il-prevenzjoni u l-FA ghandha ssahhah is-sapport taghha ghal programmi li jedukaw il-plejers f’oqsma ohra tal-hajja barra ‘l futbol. L-FA, il-Premier League u klabbs ghandhom jahdmu flimkien ma’ agenziji bhal Sporting Chance biex il-plejers jigu edukati f’kull qasam tal-hajja u jkunu ppreprati u mghallma kif se jinnavigaw il-passaggi perikoluzi li toffri l-karriera ta’ plejer professjonali. Teoritikament fil-Premier League hemm obbligu biex tigi pprovduta din l-edukazzjoni izda l-ghajnuna li jistghu joffru agenziji professjonalif’dan ir-rigward ghadha mhix uzata tajjeb u hafna drabi kollox qed jithalla f’idejn il-klabbs fejn din l-edukazzjoni tvarja hafna u l-livelli taghha huma inkonsistenti.
Barra minn dan l-awtoritajiet ghandhom iharsu wkoll lejn ir-regolamenti dwar il-loghob tal-imhatri. Kif qal il-maniger ta’ Arsenal Arsene Wenger plejers professjonali m’ghandhomx jithallew jilghabu l-imnhatri fuq il-futbol fil-waqt li l-imhatri fuq fatturi bhal numru ta’ korners jew numru ta’ karti sofor f’loghoba ghandu jigi studjat tajjeb ghax dan jaghmilha aktar facli ghall-plejers li jinvolvu ruhhom fi crieki bhal dawn. Wenger jargumenta li plejer jista’ jsibha facli li jaffetwa n-numru ta’ korners, fawls jew karti sofor fil-waqt li psikologikament iserrah rasu li mhux qed jaffetwa r-rizultat finali tal-loghoba. Dan huwa abbuz sottili li jwassal ghal falsifikazzjoni ta’ loghobiet u jtappan ir-reputazzjoni tal-futbol fl-Ingilterra.
Dawn u fatturi ohra bhall-attivita tal-hekk imsejjha “betting syndicates”, specjalment Asjatici, fl-Ingilterra ghandhom jigu ndirizzati bis-serjeta illum qabel ghada. Dan il-kaz partikolari flimkien ma kazi ohra izolati fil-passat bhal dak ta’ Bruce Grobelaar jaghti l-impressjoni li mhux kull ma jleqq hu deheb u l-immagni ta’ loghob nadif hija biss qoxra li qed tordom vulkan lest biex jisplodi. Dan il-vulkan ghandu jinqatel qabel jizbroffa. Jekk il-percezzjoni tal-futbol Ingliz tithalla tittebba’, it-tkabbir li ghaddew minnu l-kampjonati Inglizi fl-ahhar snin jispicca f’hakka t’ghajn u jkun ferm difficli li jerga’ jigi akkwistat.
Saturday, April 5, 2008
Kowcis fl-ahbarijiet
Dan l-artiklu ta' Mark Mizzi gie publikat f' L-Orizzont tal-Hamis 3 t'April 2008Iz-zmien ma jistenna lil hadd. Bil-mod il-mod il-gimghat qed igerrbu u l-istaguni tal-futbol madwar l-Ewropa qed joqorbu lejn il-kulminu taghhom. Propju f’dawn il-gimghat diga bdew jissemmew xi movimenti li jistghu isehhu fis-Sajf li gej u donnu li l-ahbarijiet qed iduru ma’ numru ta’ kowcis kemm fuq livell ta’ timijiet nazzjonali u kif ukoll fuq livell ta’ klabbs.
Nibdew b’zewg kowcis nazzjonali li l-gimgha l-ohra kienu fl-ahbarijiet ghal ragunijiet differenti. Dawn huma z-zewg Taljani Roberto Donadoni u Fabio Capello li qed imexxu t-timijiet nazzjonali tal-Italja u l-Ingilterra rispettivament.
L-Italja u l-Ingilterra tilfu l-loghobiet ta’ hbiberija li laghabu l-gimgha l-ohra kontra Spanja u Franza. Bhas-soltu il-gurnali u l-oqsma l-ohra tal-midja hadu l-okkazjoni biex jikkritikaw jew jisparaw lejn iz-zewg kowcis u l-metodi taghhom. Hafna minn din il-kritika hija ingusta u hadd m’ghandu jaghti xi mportanza sraordinarja lil dawn iz-zewg loghobiet u r-rizultati taghhom.
L-ebda wiehed minn dawn iz-zewg kowcis ma jinsab fil-periklu li jitlef postu. Roberto Donadoni wassal lill-Italja ghall-kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2008 b’success u ghandu jihalla jkompli x-xoghol li beda. Min-naha l-ohra Capello ghadu fil-bidu tal-avventura tieghu mat-tim nazzjonali Ngliz u kulhadd ghandu jirrikonoxxi l-fatt li dan ghandu l-aktar bicca xoghol difficli li jista’ jkollu kowc, jigifieri dik li jibdel il-mentalita tal-plejers u tal-ambjent tat-tim nazzjonali b’mod generali. Capello irid iz-zmien biex jimplimenta s-sistemi tieghu u jgib il-plejers jahsbuha bhalu. L-Ingilterra ma kkwalifikatx ghall-Kampjonati Ewropej 2008 u ghalhekk wiehed jifhem li Capello se jithalla juza dan iz-zmien biex jipprepara t-tim ghal-loghob ta’ kwalifikazzjoni ghat-Tazza tad-Dinja 2010.
Wara l-loghoba kontra Spanja il-coach tat-tim nazzjonali Taljan Roberto Donadoni fahhar il-plejers tieghu u qal li hu konvint li l-grupp qieghed hemm u se jkun lest biex jiccalingja bis-serjeta fil-Kampjonati Ewropej. Apparti ftit tal-izbilanc fit-tim fl-ewwel taqsima it-tim Taljan ta wirja tajba u seta’ wkoll sab ix-xibka. Fl-ahhar mill-ahhar safa meghlub minn gowl spettakolari ta’ David Villa li ftit li xejn tista’ taghmel biex tiddefendih.
Donadoni ma kienx fl-ahbarijiet minhabba r-rizultat kontra Spanja izda minhabba kummenti li ta dwar il-kuntratt tieghu mal-federazzjoni Taljana. Donadoni qal li ghalissa mhux se jgedded il-kuntratt tieghu bhala kowc tat-tim nazzjonali Taljan. Huwa kkonferma li saritlu offerta ta’ estensjoni tal-kuntratt izda m’accettahiex ghax ma kinitx sodisfacenti bizzejjed. Donadoni qal li minkejja dan huwa se jiffaccja l-Kampjonati Ewropej b’motivazzjoni kbira u b’mod kalm. Huwa qal ukoll li ma jhossx li l-fatt li ma ffirmax kuntratt gdid ghandu jaffetwah.
Kumment zghir li ghamel Donadoni jista’ jixhed li dan mhux minnu ghal kollox u d-dizappunt ghall-offerta li saritlu qieghed hemm. Donadoni qal li dawn ic-cirkostanzi jfissru li se jmur ghall-Kampjonati Ewropej biex jiggwadanja dak li haqqu izda ma waqfx hemm. Donadoni kompla li “…anzi hobzi diga qlajtu ghax kieku m’iniex hawn”. Donnu Donadoni qed iwassal il-messagg li b’dak li ghamel sa issa jemmen li diga jisthoqqlu ahjar. Il-Federazzjoni Taljana ma taghmilx hazin jekk terga’ titkellem ma’ Donadoni u jekk ghandha fiducja fih jiftehemu fuq kuntratt gdid u hekk il-kowc tat-tim nazzjonali jmur ghall-Kampjonati Ewropej aktar trankwill u motivat.
It-telfa tal-Ingilterra ma’ Franza wasslet fi tmiemu qamar il-ghasel bejn Capello u l-gurnali Inglizi. Il-midja Ingliza hija maghrufa ghal kif tghollik mas-sema u terga’ ssabtek mal-art u hekk hadet l-okkazjoni biex taghmel wara t-telfa kontra Franza. Ezempju car huwa dwar David Beckham fejn l-ewwel kien hemm appell generali biex dan jintghazel mat-tim nazzjonali halli jghaqqad il-mitt loghoba izda wara t-telfa bdiet il-kritika dwar l-ghazla ta’ Beckham u l-istess sorsi qed jghidu li dan ma fadallux post fit-tim.
Capello qed jigi kkritikat ghax qed jipprova jilghab loghoba bazata fuq it-tqassim mal-art u l-pussess tal-ballun. Kritici bhall-ex plejer Alan Hansen qalu li dan ikun tajjeb kieku jkollok il-plejers li kapaci jilghabu din il-loghoba izda l-Ingilterra m’ghandhiex dan it-tip ta’ plejers. Huwa ironiku kif meta l-Inglizi jilghabu l-ballun fit-tul jigu kkritikati li ghadhom lura u issa li gie kowc li qed jipprova jilghab loghba differenti qed jigi kkritikat li huwa negattiv.
Kritika bhal din tisvela l-mentalita Brittanika u turi ghafejn it-tim nazzjonali qatt ma jmur ‘il quddiem. Huwa minnu li l-Ingilterra mhix qed tipproduci bizzejjed plejers ta’ livell tekniku gholi u bi flessibilita tattika. Ir-ragunijiet ghal dan iddiskutejnihom f’artikli ohra izda dan ma jfissirx li l-mentalita u s-sistema m’ghandhomx jinbidlu.
F’Capello it-tim Ingliz ghandu kowc li beda jaghmel xi haga biex igieghel il-plejers tieghu jilghabu loghoba differenti. Sfortunatament Hansen u ohrajn b’mentalita insulari bhal tieghu ma jridux dan. Hansen irid li jigi accettat il-fatt li l-Inglizi qatt ma jistghu jilghabu dan it-tp ta’ futbol u ghandhom jibqghu jibbazaw fuq il-futbol dirett u, skond hu, aktar attraenti.
Ir-ricetta ta’ Hansen hija semplici. Hu jghid li, “…jekk se jkollok tim li jqassam il-ballun kull plejer irid ikun komdu bil-pussess tal-ballun. L-Inglizi m’humiex hekk. Din mhix il-loghoba Ingliza”. Din ir-ricetta antikwata isservi biss biex it-tim nazzjonali Ingliz jibqa’ stallat kif ilu dawn l-ahhar snin. L-ideat konservattivi ta’ Hansen u dawk li jahsbuha bhalu bhal l-ex kowc tat-tim nazzjonali Ngliz Graham Taylor huma ideat li jwasslu biss ghal-aktar rigress.
Jekk inharsu lejn it-Tazza tad-Dinja 2010 Capello ghandu vantagg fuq il-kowcis l-ohra tat-timijiet kbar Ewropej. Dan il-vantagg huwa z-zmien grazzi ghan-nuqqas ta’ partecipazzjoni fil-Kampjoanti Ewropej tas-Sajf li gej. Jekk jithalla jahdem u jirnexxielu jdahhal mentalita kontinentali fit-tim nazzjonali Ngliz Capello jista’ jkun il-bniedem li jerga’ jpoggi l-isem tat-tim Ingliz fejn ilu hafna ma jkun.
Kowc iehor li kien fl-ahbarijiet dan l-ahhar huwa l-kowc ta’ Inter Roberto Mancini li wara l-eliminazzjoni mic-Champiions League kien qal li se jhalli lill-Inter fi tmiem l-istagun. Minkejja li l-istess Mancini qal li kien bidel fehemtu il-midja Taljana kellha xalata tispekula fuq x’seta’ wassal ghal din id-dikjarazzjoni, min se jehodlu postu u anki dwar il-possibilita li Mancini jitkecca qabel jintemm l-istagun.
Certament il-kummenti ta’ Mancini ma kinux f’waqthom. Jista’ jkun li din id-dikjarazzjoni waslet f’mument ta’ rabja u kienet rizultat tad-dispjacir li ghal darba ohra, minkejja skwadra stellari, Inter naqsu li jkomplu javanzaw fic-Champions League. Kummenti bhal dawn jistghu jixhdu wkoll li wara l-kwinti mhux kollox huwa trankwill. Li hu zgur hu li xi ftit jew wisq dawn il-kummenti caqalqu l-ambjent ta’ Inter u dan deher f’xi rizultati.
Il-gurnali Taljani komplew jitfghu il-melh fuq il-ferita u hargu bl-istorja ta’ argument bejn Mancini u Moratti wara t-telfa kontra Juventus. Moratti cahad dan kollu u deher irrabbjat hafna fejn qal li xeba’ jisma’ dwar dawn ix-xnieghat. Moratti qal li dan hu kollu gideb u hu jittama li dawn il-qlajjiet ma jaffetwawx il-prestazzjonjiet tat-tim.
Moratti mhux mistenni jnehhi lil Mancini fl-ahhar gimghat tal-kampjonat. Ma jkunx ghaqli li tim li possibilment riesaq lejn rebh ta’ kampjonat inehhi l-kaptan meta l-vapur jinsab riesaq lejn il-port. Fi tmiem l-istagun pero l-istorja tista’ tkun differenti u l-ex maniger ta’ Chelsea Jose Mourniho huwa fost il-favoriti li jiehdu post Mancini. Ghal Mourinho jista’ jkun hemm ukoll l-istedina ta’ Berlusconi biex ipoggi fuq il-bank ta’ Milan. Fil-fatt il-belt ta’ Milan hija wahda mill-aktar destinazzjonijiet probabbli ta’ Mourinho. F’liema parti taghha se jmur irridu nistennew biex naraw.
Zewg manigers ohra fl-ahbarijiet huma l-kowc ta’ Real Madrid Bernd Schuster u l-maniger ta’ Liverpool Rafa Beinitez. Li jkun hemm dubju dwar il-kowc ta’ Real Madrid mhix sorpriza. Real nehhew kowcis li gabulhom is-successi u ghalhekk mhix xi haga ta’ barra minn hawn li l-qazba tibda ccaqcaq dwar Schuster wara li Real sfaw eliminiati mic-Champions League u ghaddew minn xi ftit tas-sulluzzu fil-kampjonat.
Schuster qal li hu jinsab trankwill ghax il-president tal-klabb Ramon Calderon accertah li hu se jibqa’ fit-tmun tat-tim anki jekk ma jintrebahx il-kampjonat. Calderon mhux l-ewwel darba li ghamel dawn it-tip ta’ weghdi li eventwalment gew miksura. Din id-darba pero jidher li l-President ta’ Real Madrid qed ihares lejn ix-xoghol ta’ Schuster bhala progett fit-tul u fis-Sajf li gej il-kowc mistenni jkun meghjun finanzjarjament biex iwettaq it-tieni parti tar-ristrutturar tal-iskwadra. Jekk Calderon izomm kelmtu jkun ta’ ftit stabbilita lit-tim, element li tant ghandu bzonn dan il-klabb glorjuz.
L-ahbarijjiet dwar il-futur ta’ Benitez ma Liverpool kwazi ma waqfu xejn dan l-istagun u dawn kienu rizultat tan-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejnu u bejn is-sidien Amerikani tal-klabb. Is-sitwazzjoni ta’ Benitez hija xi ftit difficli biex taqraha minhabba li tiddependi minn hafna cirkostanzi. Fost dawn hemm il-kwistjoni bejn iz-zewg sidien Amerikani tal-klabb u jekk il-klabb hux se jinbiegh lill-konsorzju minn Dubai li kien pprova jixtri lil Liverpool qabel eventwalment haduh l-Amerikani.
Fil-picc Benitez jidher li ghal sena ohra se jonqos li jgib il-kampjonat lura f’Anfield izda Liverpool ghadhom fic-Champions League u finali jew rebh ta’ din it-Tazza tista’ b’xi mod tghatti dan id-dizappunt.
Element gdid fil-kobba Benitez-Liverpool huma l-ahbarijiet li hargu matul l-ahhar gimghatejn dwar il-possibilta ta’ nteress minn Barcelona. Issemmew ukoll klabbs ohra Spanjoli bhal Real Madrid, Atletico Madrid u Valencia. Hafna minn dawn l-ahbarijiet huma biss spekulazzjoni u twieldu miz-zwieg bejn l-incertezza li ghadda minnha Benitez ma’ Liverpool u l-fatt li hu diga kkowcja fi Spanja. Xi element ta’ verita jista’ jkun hemm ukoll u s-success li kiseb Benitez fl-Ewropa jista’ jservi ta’ attrazzjoni ghall-klabbs il-kbar Spanjoli. Jekk eventwalment ikunx hemm divorzju bejn Benitez u Liverpool jiddependi hafna mill-politika go Anfield.


















